top of page
Search

Bdiewa u raħħala bħalissa: Jew jgħollu l-prezzijiet jew jistgħu jżarmaw!

Writer's picture: MaYA FoundationMaYA Foundation

As published by print and online newspaper 'illum' on 23rd January 2022.

Written by Marianna Calleja


Sena ilu, il-gazzetta ILLUM żvelat li l-qamħirrun u l-qamħ kienu fost iċ-ċereali li raw żieda fil-prezz ta’ 8% f’xahar wieħed biss. Il-fornituri tal-ikel u l-konsumatur dawn it-tibdiliet ma bdewx jaffetwahom mal-ewwel. Intant fornituri li tkellmu mall-gazzetta dak iż-żmien kienu qalu li ż-żieda fuq il-konsumatur tkun l-aħħar triq. Fl-aħħar tas-sena pero’ bdejna naraw iż-żieda fil-prezz tal-ħalib, produzzjoni ta' laħam u ġobon lokali, fost oħrajn.


Issa li għaddiet sena, il-gazzetta daret fuq il-Malta Youth in Agriculture (MaYA) u staqsiet jekk il-bdiewa u r-raħħala hux qed jesperjenzaw aktar żidiet. “Sfortunatament il-prezz tal-ġwiez għola u reġa’ għola għal bosta drabi, mhux Malta biss imma mad-dinja kollha,” bdiet tispjega l-fondazzjoni. Dawn iż-żidiet huma kawża ta’ produzzjoni fqira u problemi fit-trasport, li qegħdin imbagħad jaffetwaw il-prezzijiet tal-ikel u materja prima f’pajjiżna.


Il-fondazzjoni MaYA, b'mod partikolari r-raħħala zgħazagħ fi ħdan il-fondazzjoni, spjegaw f’dettall kif is-settur tal-agrikoltura qed jiffaċja sfidi kbar għax “il-qliegħ dejjem jonqos u l-ispejjeż dejjem jiżdiedu.” Dan iwassal biex l-intrapriżi agrikoli jgħollu l-prezzijiet tal-prodotti tagħhom bħall-ħalib u laħam biex jibgħqu jkunu kompettitivi. Hawn fejn il-Fondazzjoni tenfasizza l-importanza ta’ produzzjoni lokali sabiex Malta ma tibqax tiddependi fuq l-importazzjoni u pajjiżi oħra.


Imma l-materja prima bilfors trid tiġi minn barra?


Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Fondazzjoni kemm hu realistiku li Malta tibda taħseb għal materja prima tagħha stess sabiex tibda tiffranka flus fuq trasport fost spejjeż oħra. MaYA tistqarr li minħabba ċ-ċokon ta’ art, hija impossibli li għalf u ġwież ma jiġix minn barra, “iktar u iktar meta naraw l-art agrikola dejjem tonqos.”


Għaldaqstant il-Fondazzjoni toffri wkoll xi soluzzjonijiet, fosthom dik li pajjiżna jinvesti f’art barra minn xtutna. “Fil-futur, il-pajjiż jista’ jinvesti f’art barra minn Malta, fejn inkunu nistgħu nkabbru ċereali għalina stess u b’hekk ma nibqgħu niddependu fuq ħadd,” tispjega MaYA. L-għaqda żiedet tgħid li dan diġà qed iseħħ f’pajjiżi oħra biex jieħdu ħsieb is-sigurtà tal-ikel. Soluzzjoni bħal din taf tgħin meta l-prezz fis-suq jogħla, għax il-Gvern ikun jista’ jżomm l-prezz tal-ikel iktar raġonevoli.


It-tibdil fil-klima, il-fenomu li se jibqa’ jiġri warajna...


Il-Fondazzjoni tistqarr li l-istess soluzzjoni li ħafna jaf iqisuha bħala miżura drastika taf anke tgħin minħabba t-tibdil fil-klima. “Wieħed jistenna li din il-materja prima, xorta ħa jkollha togħla, għaliex ħa tiġi iktar skarsa.”


Il-Fondazzjoni tindirizza l-fatt li l-Maltin ma tantx iħobbu jippjanaw fit-tul. Fost l-eżempji, hija ssemmi kif pajjiżna għadu ma sabx soluzzjoni għas-sojja. Din it-tip ta’ fażola hija materja prima li tikkawża diforestazzjoni madwar id-dinja u filwaqt li l-Unjoni Ewropea qed tipprova tnaqqas ix-xiri tagħha minn ċertu pajjiżi, bħala materja se tibqa’ togħla fil-prezz.


MaYA issemmi kif f’ċertu pajjiżi Ewropej qed jibdew jużaw id-dubbien (larva) bħala sors ta’ proteina għal annimali bħala sostituzzjoni tas-sojja fil-ġwiez. Għaldaqstant, skont MaYA, “din ma tista qatt tibdilha kompletament għax taffetwa it-tomgħa tal-prodott li jittieħed minn dak l-annimal.”


F’każ bħal dan l-aktar soluzzjoni vijabbli hi li wieħed jinvesti u jaħseb biex ikollu tal-inqas ħażna tajba tal-materja prima. Dan joffri serħan tal-moħħ fil-produzzjoni tal-annimali, u l-investiment fil-futur jaf irendi aktar.


Iż-żieda mhux biss fiċ-ċereali u l-ġwież!


Ir-raħħala u l-bdiewa innutaw li ż-żieda fil-prezzijiet ma kinitx biss fil-ġwież u ċ-ċereali. MaYA tispjega kif anke mediċina u affarijiet li jintużaw għat-trobbija saħansitra irziezet u serer għolew fil-prezz. Sintendi żdiedu fil-prezz ukoll l-għodda u materja prima li għandek bżonn għal manutenzjoni filwaqt li kif irrapportat il-gazzetta ILLUM anke l-art għoliet fil-prezz.


Fl-aħħar u mhux l-inqas għola wkoll il-prezz tal-annimali nnifishom li jintużaw fil-produzzjoni. Bħala eżempju MaYA semmiet kif fellus fil-każ tat-tiġieġ, għola minn 45 ċenteżmu għal 50 ċenteżmu. Skont MaYA fil-fatt, razzett ta’ dimensjoni u daqs normali, ġietu spiża ta’ €4,000 sa €6,000 fis-sena biex irendi.


“Il-bidwi u r-raħħal bħal kull persuna fin-negozju, irid jinvesti u jixtri affarijiet ġodda u għodda li jtejbu l-operat,” ttenni l-għaqda MaYA ma' din il-gazzetta.


U kif dan kollu se jaffetwa lilek bħala konsumatur?


Sakemm m'intix tippjana li taqta’ l-laħam u prodotti li jiġu mill-annimali fil-futur qrib, inti se jkollok tibda toħroġ iktar flus minn butek biex sempliċiment tixtri kartuna ħalib.


Min-naħa l-oħra jekk qed tippjana li verament taqta’ kull prodott li ġej mill-annimali, xorta se tonfoq ammont sostanzjali minn flusek fuq ħaxix u frott għax l-ispejjeż tal-bidwi mhux jorħsu lanqas inkluż spejjeż ta’ art, per eżempju l-qbiela.


Din iż-żieda bilfors se jkollna nħossuha għax il-bidwi u r-raħħal ma jistax jipproduċi b’telf. Jekk tkun tipproduci, ftit hemm toroq minn fejn tagħzel; jew tgħolli jew iżżarma!

16 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


How can you support local agriculture?

Thanks for submitting!

Best viewed on desktop.

Click here for mobile view

MaYA Favicon.png

©2024 MaYA Foundation

bottom of page